
St Michael Hospice f’Santa Venera ġie inawgurat u permezz tiegħu Hospice Malta se tkun tista’ testendi s-servizzi palljattivi tagħha għal aktar minn 1,500 pazjent fis-sena, waqt li tkompli żżomm mal-valuri fundamentali tagħha tal-ħajja u d-dinjità.
Dan huwa pass importanti ħafna għal Hospice Malta, li fetħet il-bibien tagħha għall-ewwel darba fl-1989, u se ttejjeb il-kura palljattiva f’Malta permezz tas-servizzi komunitarji estiżi tagħha, faċilitajiet imtejba għal terapija ta’ matul il-jum u servizzi inpatient, kif ukoll faċilitajiet edukattivi.
St Michael Hospice jinsab fil-bini li qabel kien l-Istitut Adelaide Cini, propjetà ta’ 15,000 metru kwadru, li llum għandha l-valur ta’ €25 miljun.
Għaċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni attendew mistiedna distinti, fosthom il-President Myriam Spiteri Debono, li hija l-patruna ta’ Hospice Malta, il-Prim Ministru Robert Abela, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, l-Arċisqof Charles Scicluna, u ċ-Chairperson ta’ Hospice Malta, Bernadette Bonnici Kind. Preżenti kien hemm ukoll il-membri fundaturi, l-isponsors, il-management, l-istaff u l-voluntiera ta’ Hospice Malta.
Iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni bdiet b’quddiesa ċelebrata mill-Arċisqof Scicluna fil-knisja ddedikata lill-Qalb ta’ Ġesù u li tinsab fil-bitħa ċentrali ta’ dak li kien l-Istitut Cini. Miegħu kkonċelebraw Mons. Louis Camilleri, wieħed mill-membri fundatur, il-Kappillan ta’ Santa Venera Patri Maurice Abela, u d-Direttur Spiritwali ta’ Hospice Malta, Patri Alfred Vassallo.
St Michael Hospice jkopri medda ta’ 11,000 metru kwadru fuq żewġ sulari u ta’ 6,800 metru kwadru ieħor ta’ ġonna. Aktar minn 60 fil-mija tal-proprjetà nżammet bħala ġnien jew spazju miftuħ sabiex tkompli tipprovdi ambjent trankwill għar-residenti li qed jingħataw kura palljativa u l-familji tagħhom.
Fl-2016, fis-Sena tal-Ġublew tal-Ħniena, l-Arċidjoċesi ta’ Malta ddeċidiet li tippromwovi ħidma speċifika ta’ ħniena li twieġeb għal bżonn urġenti: servizzi dinjitużi ta’ tmiem il-ħajja lil dawk li għandhom bżonn kura palljattiva.
Għal dan il-għan, Hospice Malta kienet l-għażla naturali biex tkun parti minn dan il-proġett. Imbagħad, fl-2018, l-Arċidjoċesi għaddiet l-Istitut Cini fuq ftehim ta’ komodat ta’ 50 sena, jiġifieri b’xejn, lil Hospice Malta.
Dan il-ġest tal-Arċisqof Charles Scicluna jirrifletti impenn komuni lejn il-qdusija tal-ħajja u impenn profond tal-Knisja sabiex tiddefendi d-dritt għall-ħajja u d-dinjità tal-bniedem.
Matul is-snin, il-proġett seta’ jsir permezz tal-appoġġ tal-Knisja, il-Gvern, NDSF, fondi Ewropej, Project Green, banek, fundazzjonijiet, negozji u benefatturi individwali.
Iċ-Chairperson ta’ Hospice Malta, Bernadette Bonnici Kind, qalet li “l-ftuħ ta’ St Michael Hospice hi ħolma li twettqet wara żmien twil, li se jkun xempju ta’ kura ta’ kwalità lil dawk li jeħtieġu kura palljattiv.
