
Hospice Malta esprimiet il-gratitudni tagħha lill-organizzaturi, artisti, u kontributuri tal-kunċert Mumenti, li sar f’Ottubru 2024 fit-Teatru tal-Kulleġġ San Alwiġi. Dan l-avveniment tal-arti tal-ispettaklu ġabar flimkien ‘il fuq minn 180 individwu b’talent, fosthom live band, orkestra, kor, żeffiena, atturi, u kantanti Maltin stabbiliti biex jinħoloq spettaklu indimentikabbli.
Mumenti kien eżempju ċar tal-qawwa tal-kollaborazzjoni u d-dedikazzjoni ta’ talenti artistiċi volontarji, bil-qligħ kollu dirett lejn l-appoġġ tas-servizzi ta’ Hospice Malta. Id-donazzjoni, li tammonta għal aktar minn €15,000 ġiet ippreżentata uffiċjalment lil Hospice Malta, u permezz ta’ dan il-kontribut Hospice Malta tkun tista’ tkompli bil-missjoni tagħha li tipprovdi kura tal-ogħla kwalita’ u tkun ta’ sapport għall-pazjenti u l-familji tagħhom.
Hospice Malta qed testendi l-apprezzament tagħha lill-APS Bank talli appoġġja din l-inizjattiva u lill-isponsors l-oħra li emmnu f’Mumenti. Il-kontribuzzjonijiet tagħhom kienu strumentali biex dan l-avveniment ikun suċċess. Għal aktar informazzjoni dwar Hospice Malta, il-missjoni u s-servizzi tagħha, żur www.hospicemalta.org.
