Il-Bank APS sponsorja programm ta’ job shadowing għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa, organizzat minn Hospice Malta. Din l-inizjattiva tirrifletti l-impenn tal-Bank APS li jappoġġja t-tagħlim kontinwu, wieħed mill-pilastri tal-programm tar-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) tagħhom, biex jissaħħaħ l-iżvilupp professjonali ta’ individwi li jagħtu kura palljattiva.

Matul Ottubru 2024, il-programm ra żewġ professjonisti tas-saħħa, Arianna Debono – Fiżjoterapista u Joanne Galea – Infermiera, jagħmlu placement ta’ ħamest ijiem f’North London Hospice, l-Ingilterra. Wara dan, f’Novembru 2024, il-programm kompla b’żewġ professjonisti oħra tal-kura tas-saħħa, Luke Micallef u Daniela Attard Previ, it-tnejn Infermiera, li pparteċipaw f’placement simili f’Aachen Hospice fil-Ġermanja.

Matul il-placement, dawn il-professjonisti tas-saħħa kellhom l-opportunità li josservaw kif it-timijiet multidixxiplinarji tal-Hospices rispettivi jaħdmu, b’fokus speċjali fuq l-aspett fiżiku, kif ukoll psikosoċjali tas-servizzi palljattivi. Il-programm kien jinkludi żjarat fid-djar, parteċipazzjoni fil-laqgħat tat-tim, diskussjonijiet dwar kif qed tingħata l-kura palljattiva lill-pazjenti, kif ukoll esperjenzaw il-klinika ta’ matul il-ġurnata. L-għan kien li l-professjonisti jiksbu esperjenza tad-diversi aspetti tas-servizz, jidħlu f’kuntatt dirett mal-pazjent, u jifhmu r-rwol tad-dokumentazzjoni fil-ġenerazzjoni ta’ rapporti ta’ kura, filwaqt li josservaw id-dinamika tat-tim f’ambjent kliniku.

Meta tkellmet dwar il-programm, iċ-Chief Clinical Officer ta’ Hospice Malta, Anna Frendo, ikkummentat, “Permezz ta’ din l-esperjenza l-professjonisti tas-saħħa kattru t-tagħlim sabiex ikunu jistgħu wkoll jissuġġerixxu u jippjanaw servizzi ġodda għall-pazjenti ta’ Hospice Malta u l-familji tagħhom.”

Il-Bank APS enfasizza l-importanza ta’ dan il-programm ta’ taħriġ, b’Rachael Blackburn, Kap tal-Kultura tgħid, “Aħna kburin li qed nappoġġaw il-programm ta’ job shadowing ta’ Hospice Malta, li jippermetti lill-professjonisti tas-saħħa lokali jtejbu l-ħiliet u l-għarfien tagħhom fil-qasam essenzjali tal-kura palljattiva. Meta ninvestu f’dawn il-professjonisti, inkunu qed ninvestu f’għajnuna aħjar għall-komunità tagħna.”

Hospice Malta toffri servizzi ta’ kura palljattiva lill-pazjenti li jbatu minn kanċer, mard marbut mal-motor neurone disease, sklerożi multipla u mard ieħor, filwaqt li tipprovdi appoġġ sħiħ permezz ta’ tim multidixxiplinarju. Dawn is-servizzi, li huma disponibbli wkoll għall-qraba tal-pazjenti, jingħataw mingħajr ħlas f’Malta u Għawdex.

Għal aktar informazzjoni dwar Hospice Malta u l-missjoni tagħha, kif ukoll kif wieħed jista’ jagħti donazzjoni, jekk jogħġbok żur www.hospicemalta.org.