Matul l-2025, diversi membri mit-tim ta’ Hospice Malta marru job shadowing barra minn Malta, esperjenzi li saru possibbli permezz tal-appoġġ ta’ Bank of Valletta. Dawn l-esperjenzi jagħmlu parti mill-investiment kontinwu ta’ Hospice Malta fl-iżvilupp tal-istaff u l-impenn tagħha li kontinwament ittejjeb il-kwalità tas-servizzi palljattivi offruti fil-komunità.

Il-programm ta’ job shadowing ta l-opportunità lill-ħaddiema ta’ Hospice Malta biex jiksbu esperjenza diretta dwar l-aqwa prattiki fil-kura palljattiva u fl-għajnuna fil-kura fit-tmiem tal-ħajja, permezz ta’ placements f’hospices ewlenin barra minn Malta. F’Ottubru 2025, Nurse Carmen Carta u d-Day Therapy Coordinator Marthese Azzopardi wettqu esperjenza ta’ job shadowing f’North London Hospice, fejn osservaw l-għajnuna u s-sapport mgħoti minn diversi professjonisti tas-saħħa f’ambjenti kliniċi u terapewtiċi differnti.

F’Novembru 2025, Community Nurse Jaqueline Borg u l-Community Care Coordinator Christine Zammit marru job shadowing f’Isle of Man Hospice. Matul iż-żjara tagħhom, il-parteċipanti kellhom l-opportunita`li josservaw lill-kollegi tagħhom tal-hospice li jipprovdu servizzi fil-komunità, u kisbu għarfien siewi dwar il-koordinazzjoni tal-għajnuna, l- appoġġ għall-pazjenti u kif jingħata s-servizz fid-dar.

L-inizjattiva tal-job shadowing tifforma parti mill-istrateġija ta’ Hospice Malta biex tkompli ttejjeb il-kwalità tas-servizzi tagħha billi titgħallem minn Hospices oħra b’esperjanza fil-qasam. L-għarfien u l-esperjenza miksuba minn dan il-job shadowing qed jinqasmu internament u se jgħinu biex jinfurmaw l-iżvilupp kontinwu tas-servizzi kliniċi u tal-għajnuna offruta fil-komunità ta’ Hospice Malta.

Bank of Valletta u l-Fondazzjoni BOV ilhom jappoġġjaw lil Hospice Malta għal bosta snin, u l-appoġġ tagħhom kien kruċjali biex dawn l-opportunitajiet ta’ tagħlim internazzjonali jsiru possibbli, u b’hekk isaħħu l-impenn tal-bank favur eċċellenza fil-kura tas-saħħa u l-iżvilupp professjonali fil-komunità lokali.

Billi jkomplu jibnu fuq din l-inizjattiva, Hospice Malta diġà kkonfermat  job shadowing placement ieħor ta’ job shadowing skedat għal Frar 2026, fejn membri oħra mit-tim se jwettqu esperjenza simili f’Northern Ireland Hospice, Belfast.

Hospice Malta tipprovdi kura palljattiva mingħajr ħlas madwar Malta u Għawdex lill-pazjenti bil-kanċer, motor neurone disease, sklerożi multipla, Creutzfeldt-Jakob disease, kif ukoll mard respiratorju, kardijaku, tal-kliewi u tal-fwied li jinsabu fi stadju avvanzat. L-organiżżazzjoni tappoġġja kemm lill-pazjenti kif ukoll lill-familji tagħhom permezz ta’ tim multidixxiplinari.

Hekk kif Hospice Malta tkompli tespandi s-servizzi tagħha, individwi interessati li jingħaqdu mat-tim multidixxiplinari tal-organizzazzjoni huma mistiedna jżuru www.hospicemalta.org biex jesploraw il-postijiet vakanti attwali u l-opportunitajiet biex jikkontribwixxu għal din il-missjoni vitali.