Erba’ membri tat-tim ta’ Hospice Malta dan l-aħħar lestew programm ta’ job shadowing f’Galway Hospice fl-Irlanda, appoġġjat mill-fond Erasmus+. Din l-esperjenza tifforma parti mill-investiment kontinwu ta’ Hospice Malta fl-iżvilupp tal-istaff u l-impenn tagħha li kontinwament ittejjeb il-kwalità tas-servizzi palljattivi offruti fil-komunità.

L-Infermiera tal-Komunità Alison Ellul u l-Psikoterapista Carly Ciantar, flimkien mat-Terapista Kumplimentari Stephanie Zahra u s-Social Worker Gillian Barbara, qattgħu ħin josservaw u jinvolvu ruħhom mat-tim multidixxiplinari ta’ Galway Hospice. Il-programm tagħhom ipprovda espożizzjoni siewja għal diversi ambjenti tal-kura, inklużi servizzi ta’ Inpatient u Day Care u servizzi bbażati fil-komunità, filwaqt li ppermetta lill-parteċipanti jiksbu għarfien aktar profond tal-approċċi kollaborattivi għas-sapport olistiku tal-pazjenti.

Din l-esperjenza offriet ukoll lill-parteċipanti l-opportunità li jaqsmu l-aħjar prattiki u jsaħħu r-rabtiet professjonali ma’ kollegi internazzjonali. L-għarfien miksub minn dawn l-esperjenzi se jikkontribwixxi għall-iżvilupp kontinwu tas-servizzi kliniċi u ta’ sapport ta’ Hospice Malta f’St Michael Hospice f’Santa Venera.

Iċ-Chief Clinical Officer Anna Frendo spjegat kif, “Kull pjazzament internazzjonali jirrappreżenta opportunità importanti ta’ tagħlim għat-tim tagħna. Meta l-istaff tagħna josservaw kif joperaw hospices oħra, jġibu lura magħhom ideat, perspettivi u metodi ġodda li jistgħu jsaħħu aktar l-approċċ tagħna għall-benefiċċju tal-pazjenti u tal-familja. Dan huwa parti mill-għan usa’ tagħna li niżguraw li Hospice Malta tibqa’ fuq quddiem nett fil-forniment tal-kura palljattiva.”

Dawn iż-żjarat isegwu inizjattivi oħra ta’ job shadowing ta’ suċċess imwettqa minn membri tat-tim ta’ Hospice Malta f’dawn l-aħħar xhur. Aktar staff huwa mistenni li jipparteċipa fi programmi ta’ mobilità Erasmus+ simili bħala parti mill-isforz kontinwu tal-organizzazzjoni għat-tkabbir professjonali u t-titjib tas-servizz.

Hospice Malta tipprovdi kura palljattiva mingħajr ħlas madwar Malta u Għawdex lill-pazjenti bil-kanċer, motor neurone disease, sklerożi multipla, Creutzfeldt-Jakob disease, kif ukoll mard respiratorju, kardijaku, tal-kliewi u tal-fwied li jinsabu fi stadju avvanzat. L-organiżżazzjoni tappoġġja kemm lill-pazjenti kif ukoll lill-familji tagħhom permezz ta’ tim multidixxiplinari.

Hekk kif Hospice Malta tkompli tespandi s-servizzi tagħha, individwi interessati li jingħaqdu mat-tim multidixxiplinari tal-organizzazzjoni huma mistiedna jżuru www.hospicemalta.org biex jesploraw il-postijiet vakanti attwali u l-opportunitajiet biex jikkontribwixxu għal din il-missjoni vitali.